Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The Malta Records tkellmu dwar rekord li ngħata riċentament ġewwa Għawdex.
Huma qalu, “L-itwal gateaux magħmul mill-frawli jkejjel tul ta’ 10.60 metri, wisa’ ta’ 45 ċentimetru u għoli ta’ 7 ċentimetri. Il-piż huwa ta’ 96 kilogramma. Dan ir-rekord nazzjonali ġdid ġie mwaqqaf minn Alan, Ramona u Jake Abdilla ta’ Dolcicreazioni Santa Venera. Ir-rekord sar waqt l-attività Qalb il-Frawli ġewwa n-Nadur Għawdex, imtella’ mill-Għaqda Armar Triq San Ġwann, Għaqda tan-Nar San Pietru u San Pawl u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.”
Żiedu, “Minn qalbna nirringrazzjaw lid-dolceria Dolcicreazioni li f’kull rekord li jwaqqfu jimmeraviljawna bil-kobor u t-tjubija tal-prodotti tagħhom. Ma jonqosx li nagħtu ħajr lill-organizzaturi li jaħdmu qatigħ għal din l-attività massiva u jaħsbu f’rekord li jibqa’ mnaqqax fil-memorji tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.”