L-għawwiem u atleta lokali Neil Agius esprima l-appoġġ tiegħu lejn Fabio Spiteri waqt li jinsab fid-disa’ jum tal-isfida straordinarja tiegħu fil-Brazil biex jipprova jsir l-ewwel Malti li jlesti Double Deca Ironman.
F’messaġġ mimli ammirazzjoni, Neil qal li meta jgħid li “ultra is gangster”, ikun qed jirreferi proprju għal sfidi bħal din li Fabio qed jaffaċċja.
Huwa spjega kif Fabio diġà lesta 76 kilometru għawm u 2,600 kilometru bir-rota, b’1,000 kilometru oħra għad fadallu qabel jibda 20 maratona oħra.
Neil sostna li l-ebda kliem ma jista’ verament jiddeskrivi t-tbatija fiżika u mentali li tinvolvi sfida bħal din, bejn it-tensjoni u l-battalji mentali fis-sigħat bikrin tal-lejl, kif ukoll id-dedikazzjoni tat-tim li qed jappoġġjah kontinwament.
Huwa enfasizza wkoll li din l-isfida mhix biss dwar l-isport, iżda dwar għan akbar, hekk kif Fabio Spiteri qed jagħmel dan kollu biex jiġbor fondi għall-annimali u x-xelters tagħhom.
“Aħna miegħek, Fabio,” temm jgħid Neil fil-messaġġ ta’ inkoraġġiment tiegħu. Ikompli jinkoraġġih biex jibqa’ sejjer sal-aħħar.