L-NGO lokali Dr Klown qed tistabilixxi avveniment annwali ġewwa l-isptar Mater Dei biex jonora l-memorja ta’ tfal li tilfu ħajjithom b’riżultat ta’ mard, waqt li jagħraf ukoll ir-reżiljenza tal-familji tagħhom.
Intenzjonat biex joffri spazju dinjituż ta’ tifkira, l-avveniment ser ikun miftuħ għall-familji kollha, għall-ħaddiema tal-isptar u oħrajn li kellhom jew għad għandhom irwol fil-kura tat-tfal, inkluż il-voluntiera ta’ Dr Klown stess.
Id-data magħżula għal dan l-avveniment, l-1 ta’ Ġunju, hija l-Ġurnata Internazzjonali tat-Tfal kif ukoll il-Ġurnata Dinjija tal-Ġenituri, ġurnata li għalhekk tibbilanċja ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tat-tfal mar-rikonoxximent tal-ġenituri tagħhom jew dawk li ħadu u jieħdu ħsiebhom.
Membri tal-pubbliku huma mistiedna jingħaqdu ma’ Dr Klown ġewwa l-ġnien intern tas-SAMOC, li jinsab ġewwa l-isptar Mater Dei, nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju 2026 fis-5.45pm. Reġistrazzjoni tal-attendenza permezz tas-sit elettroniku ta’ Dr Klown tkun apprezzata.
L-avveniment ser jikkonsisti f’quddiesa u diskorsi tal-okkażjoni flimkien ma’ festin li matulu ser tiġi żvelata skultura speċjali, iddisinjata u kkreata b’kollaborazzjoni mal-istudenti tad-Dipartiment tal-Arti tal-MCAST, li mhux biss ser jimmarka l-okkażjoni imma ser jibqa’ fl-imsemmi ġnien b’mod permanenti.
Dr. Klown taf il-bidu tagħha bħala proġett pilota fl-2010, u llum il-ġurnata hija organizzazzjoni non governattiva dedikata biex tipprovdi servizzi ta’ ‘healthcare clowning’ ġewwa l-Isptar Mater Dei f’Malta, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll entitajiet oħra simili li jieħdu ħsieb lit-tfal.
L-NGO għandha ‘l fuq minn 40 voluntiera jew ‘healthcare clowns’ li jżuru s-swali tat-tfal b’mod regolari, flimkien ma’ diversi voluntiera oħra amministrattivi.
Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tappoġġja jew tagħti donazzjoni lil Dr Klown, tista’ tidħol fuq is-sit elettroniku tagħhom www.drklown.org

Facebook/ Dr. Klown