“Ġie Għal Qalbi” – Joseph Farrugia T-Timba Jirrestawra Luzzu Antik B’Tifkira Ta’ Gianni ‘Il-Lixxu’ Tonna

Il-moħħ wara l-paġna popolari Mid-Djajru Tat-Timba, Joseph Farrugia magħruf bħala “t-Timba”, qasam messaġġ emozzjonanti wara li temm proġett ta’ restawr fuq luzzu Malti antik li issa tqiegħed bħala monument fil-Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq.



Fuq il-midja soċjali, Joseph spjega kif dan ix-xogħol ħadlu madwar tliet xhur u nofs biex jitlesta, filwaqt li qal li ma setax itella’ ritratti tax-xogħol waqt li kien għadu għaddej minħabba kelma li kien ta.



Huwa żvela li l-luzzu, li hu maħsub li huwa Għawdxi u għandu madwar 70 sena, għadda minn diversi interventi ta’ restawr fosthom tibdil ta’ injam, fallakki, stamnari u mejjiera, filwaqt li sar ukoll “parjol” ġdid kompletament b’injam tal-aħmar.

Joseph stqarr li dan il-proġett “ġie għal qalbu”, speċjalment għax il-luzzu qed jitqiegħed bħala monument f’ġieħ u memorja tas-sid tiegħu, il-mibki Gianni “il-Lixxu” Tonna.



Huwa żied jgħid li normalment ma jagħmilx xogħol għal nies oħra, iżda f’dan il-każ aċċetta minħabba x-xewqa tal-familja, xi ħaġa li qal li japprezzaha ferm.

Anke Project Green qasmet filmat tal-luzzu lest, fejn spjegat li grazzi għall-ħidma ta’ Joseph Farrugia t-Timba, il-luzzu reġa’ ħa l-ħajja biex issa jkun jista’ jitgawda mir-residenti taż-Żurrieq u minn dawk kollha li jżuru l-ġnien.

Ritratti:

Facebook / Mid-Djarju Tat-Timba

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI