Aktar minn 22,300 dokument tal-vot għadhom ma nġabrux sa dalgħodu. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali Joseph Camilleri fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.
Camilleri spjega kif s’issa nġabru aktar minn 334,000 dokument tal-vot minn total ta’ aktar minn 356,800 dokument maħruġa għall-elezzjoni.
Huwa fakkar li minn nhar it-Tnejn sal-Ħamis, dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom jistgħu jagħmlu dan mill-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar, filwaqt li votanti reġistrati f’Għawdex jridu jiġbruh mill-Uffiċċju Elettorali fir-Rabat.
Sal-Erbgħa li ġej, id-dokumenti tal-vot jistgħu jinġabru bejn it-8:00 u s-13:00, kif ukoll bejn it-15:00 u d-21:00.
Il-Ħamis, li se jkun l-aħħar opportunità biex jinġabar id-dokument tal-vot, il-ħinijiet se jkunu mit-8:00 sas-13:00 u mit-15:00 sa nofsillejl.
Il-Kummissjonarju Elettorali saħaq li mingħajr id-dokument tal-vot, wieħed ma jkunx jista’ jivvota nhar is-Sibt li ġej.