Il-film Malti Ciao Ciao, taħt id-direzzjoni ta’ Keith Tedesco, issa wasal fuq Amazon Prime Video f’diversi swieq internazzjonali ewlenin, fosthom ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Istati Uniti u l-Awstralja.
Dan ir-rilaxx internazzjonali qed jitqies bħala pass importanti għall-industrija tal-films Maltin, hekk kif produzzjoni lokali issa qed tilħaq miljuni ta’ telespettaturi madwar id-dinja permezz ta’ waħda mill-akbar pjattaformi ta’ streaming fid-dinja.
Ciao Ciao huwa dark comedy-drama li jsegwi żewġ koppji li jerġgħu jiltaqgħu waqt ikla li fil-bidu tidher waħda normali u amikevoli, iżda li bil-mod il-mod tinbidel f’lejl mimli tensjoni, kaos u żvelar ta’ sigrieti skomdi.

Il-film ġie prodott minn Lampa Stampa u Roughcut Films, filwaqt li jippreżenta tim kreattiv Malti b’saħħtu kemm quddiem kif ukoll wara l-kameras.
Fost l-atturi nsibu lil Mikhail Basmadjian, Antonella Axisa, Chris Dingli, Simone Spiteri, Katrina Lupi, Ryan Mark De Battista, Kevin Naudi u Ruth Borg.
Il-produzzjoni kienet appoġġjata minn Arts Council Malta, li kompliet tinvesti fl-industrija kreattiva u ċinematika Maltija sabiex aktar produzzjonijiet lokali jkollhom opportunità jilħqu udjenzi internazzjonali.

Meta tkellem dwar dan is-suċċess, Keith Tedesco qal li r-rilaxx fuq Amazon Prime Video huwa kisba kbira għal kulħadd involut fil-produzzjoni.
“Huwa eċċitanti li tara stejjer Maltin jaslu għand udjenzi madwar diversi kontinenti,” sostna d-direttur.
Dan ir-rilaxx qed ikompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ produzzjoni oriġinali u ċinema indipendenti b’appell internazzjonali.