Investiment Ġdid Fit-Taħriġ U S-Sigurtà Fis-Settur Tal-Kostruzzjoni

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard inawgura simulator avvanzat għat-taħriġ tal-operaturi ta’ excavators u heavy machinery fl-educational hub tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).



Dan is-simulator modern se joffri taħriġ realistiku permezz ta’ simulazzjoni ta’ diversi xenarji ta’ xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni, inkluż xogħol matul il-jum u billejl kif ukoll taħt kundizzjonijiet differenti tat-temp.



Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Attard sostna li dan huwa investiment importanti biex is-settur tal-kostruzzjoni jkompli jimmodernizza ruħu permezz tat-teknoloġija, it-taħriġ u standards ogħla ta’ sigurtà.

“Dan mhux biss investiment fit-teknoloġija, iżda investiment fin-nies tagħna,” qal il-Ministru, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ aktar professjonalità u responsabbiltà fis-settur.

Huwa fakkar ukoll fir-riformi li saru f’dawn l-aħħar snin, fosthom l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja sabiex ikomplu jissaħħu l-istandards fil-kostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li dan l-apparat se jgħin lill-operaturi jkollhom taħriġ aktar modern u effettiv skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi fis-settur.

“Is-simulator jinkludi kontrolli u komponenti identiċi għal dawk użati fuq makkinarju reali, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jitħarrġu f’ambjent sigur iżda realistiku. Fost it-taħriġ li jista’ jingħata hemm xogħol ta’ digging, trenching u loading f’kundizzjonijiet differenti.”



“Tħabbar ukoll li dan l-investiment huwa parti mill-isforzi kontinwi biex jitjiebu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni, b’enfasi partikolari fuq aktar sigurtà, taħriġ professjonali u użu akbar tat-teknoloġija moderna.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI