Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħamrun, il-Viċi Sindku Aymen Grech Pace wassal messaġġ ta’ għaqda, rispett u mħabba lejn il-lokalità, filwaqt li sellem lill-komunità Ħamruniża għall-kontribut kontinwu tagħha.
F’messaġġ indirizzat lir-residenti, huwa sostna li l-Ħamrun mhuwiex biss lokalità, iżda “familja kbira mimlija storja, kultura, ħidma u qalb ġeneruża.”
Grech Pace qal li l-Ħamrun dejjem wera saħħa fil-mumenti diffiċli u ferħ fil-mumenti sbieħ, filwaqt li enfasizza li Jum il-Ħamrun huwa ċelebrazzjoni mhux biss tal-passat tal-lokalità, iżda wkoll tal-futur tagħha.
Huwa rringrazzja lir-residenti, voluntiera, għaqdiet u negozji kollha li kuljum jagħtu sehemhom sabiex il-Ħamrun jibqa’ lokal ħaj, nadif u mimli enerġija pożittiva.
“Il-komunità tagħna hija s-saħħa vera tal-lokalità,” sostna l-Viċi Sindku, filwaqt li appella biex il-ħidma flimkien tkompli b’għaqda u rispett lejn xulxin sabiex jinbena futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Huwa temm billi awgura l-festa t-tajba u Jum il-Ħamrun it-tajjeb lill-Ħamruniżi kollha.
Facebook / Aymen Pace Grecg