Il-Partit Laburista rebaħ ir-raba’ elezzjoni ġenerali infila u b’hekk sar l-ewwel partit fl-istorja politika ta’ Malta li kiseb rebħa f’erba’ elezzjonijiet ġenerali konsekuttivi.
Dan ir-riżultat storiku jfisser ukoll li Robert Abela reġa’ ngħata l-fiduċja tal-elettorat Malti u Għawdxi sabiex imexxi lill-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin, wara kampanja elettorali intensiva fejn il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista kien “Int Malta”.
Jidher li din l-għajta kienet waħda li l-Maltin u l-Għawdxin kienu lesti jafdaw, hekk kif il-Partit Laburista rnexxielu jżomm il-maġġoranza u jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fix-xena politika Maltija.
Hekk kif bdew joħorġu r-riżultat, partitarji Laburisti nġabru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u f’diversi lokalitajiet oħra biex jiċċelebraw ir-rebħa storika tal-partit. Matul il-kampanja elettorali, il-Partit Laburista ffoka fuq temi bħall-ekonomija, il-miżuri soċjali, l-għoli tal-ħajja, l-investiment fis-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Ir-riżultat mistenni jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni politika ta’ Robert Abela bħala mexxej tal-Partit Laburista, hekk kif issa se jkun qed jibda mandat ieħor bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Facebook / Robert Abela