Hekk kif Ġunju kważi dalwaqt magħna qegħdin nersqu lejn wieħed mill-aktar żminijiet mistennija mill-istudenti Maltin: il-bidu uffiċjali tal-vaganzi tas-sajf!
Għal ħafna studenti, dawn l-aħħar ġimgħat ifissru, jiem intensivi ta’ xogħol, testijiet, reviżjonijiet u fuq kollox studju. F’diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, diġà bdiet tinħass atmosfera differenti. Xi studenti qed jitkellmu fuq il-pjanijiet tagħhom għas-sajf, oħrajn qed jgħoddu kemm fadlilhom għall-eżamijiet, filwaqt li ħafna għalliema waslu jew kważi waslu biex itemmu s-sillabu għal din is-sena.
Minkejja l-għeja li ġġib magħha din il-fażi tas-sena skolastika, huma ħafna dawk l-istudenti li jħarsu lura u jirrealizzaw kemm tgħallmu matul dawn ix-xhur mhux biss fil-lezzjonijiet, iżda wkoll fuq livell personali u soċjali. Apparti minn hekk, ikun hemm ħafna wkoll li, minkejja li jkunu qed jistennew is-sajf b’entużjażmu, jibdew iħossu nostalġija għall-mumenti sbieħ li ġabet magħha s-sena skolastika: il-ħbieb, l-attivitajiet, il-lezzjonijiet ta’ kuljum u l-memorji li jibqgħu magħhom għal żmien twil.
Issa jonqos biss ftit jiem oħra sakemm, għal ħafna studenti, l-alarm ta’ kmieni filgħodu jibqa’ mitfi u jibdew igawdu ġranet itwal mal-ħbieb, il-bajja, il-ġelat u dak is-sens sabiħ ta’ libertà li dejjem iġib miegħu s-sajf Malti!
Pexels