“F’ħajti ltqajt ma’ ħafna bullies u għalhekk il-bullies ma jbeżżgħunix.” Dan kien il-kliem b’saħħtu li kiteb Glen Ciantar fuq il-midja soċjali, fejn tkellem b’mod miftuħ dwar l-esperjenzi tiegħu ma’ persuni li jippruvaw jipprovokaw, jirredikolaw u jinsultaw lil ħaddieħor.
Skont Glen, il-persuna li tipprova tkun “bully” ħafna drabi tibqa’ tfittex l-attenzjoni u tipprova tuża lin-nies biex tilħaq l-iskopijiet tagħha. Huwa qal li dawn in-nies “hekk biss kapaċi jagħmlu”, u għalhekk m’għandniex nibżgħu minnhom jew inħalluhom iwaqqfuna milli nkomplu nimxu ‘l quddiem u ngħixu l-ħajja tagħna.
Fil-messaġġ tiegħu, Glen semma wkoll kif il-kummenti negattivi kultant jidhru aktar b’saħħithom minn dawk pożittivi, iżda sostna li wieħed qatt m’għandu jaqta’ qalbu. Għalkemm ċertu kliem jista’ jweġġa’, wieħed għandu jiftakar li dawn il-kummenti ma jidentifikawx int min int.
“Għadaqstant it-tajjeb dejjem jirbaħ,” kiteb Glen, filwaqt li ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jibqgħu sodi u ma jħallux in-negattività tikkontrollalhom ħajjithom. Il-messaġġ tiegħu ġab ħafna reazzjonijiet pożittivi onljan , b’diversi persuni jirringrazzjawh talli tkellem fuq suġġett li ħafna jgħaddu minnu fis-skiet.
Fb/ Glen Ciantar & Pexels