Kienu ħafna li wrew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Natasha. Il-kuġina tagħha Graziella Mizzi qasmet messaġġ mimli niket, hekk kif din l-aħbar li ħasdet lil ħafna persuni li kienu jafuha jew li segwew il-messaġġ fuq il-midja soċjali.
F’messaġġ li qasmet online, Graziella sellmet il-memorja tal-kuġintha tagħha filwaqt li esprimiet il-vojt kbir li ħalliet warajha. “Illum għedt l-aħħar tislima lill-għażiża kuġinti. Qalbi maqsuma. Għalkemm insib faraġ fil-fatt li t-tbatija tiegħek spiċċat, l-uġigħ tat-telfa tiegħek huwa insapportabbli,” kitbet Graziella.
Hija rrakkuntat ukoll kif Natasha ħalliet din id-dinja matul il-ġimgħa ddedikata lil San Ġużepp, festa li kienet għal qalbha ħafna. “Ħallejtna matul il-ġimgħa ta’ San Ġużepp, il-festa li tant kont tħobb. B’xi mod dan jidher xieraq, iżda xorta ma jagħmilx din it-tislima aktar faċli,” żiedet tgħid.
Il-messaġġ ta’ Graziella ntemm b’tislima emozzjonanti lil Natasha, fejn sostniet li se tibqa’ dejjem maħbuba, nieqsa u mfakkra minn dawk kollha li kellhom il-privileġġ li jkunu jafuhha.
L-aħbar tal-mewt ta’ Natasha qanqlet għadd kbir ta’ reazzjonijiet fuq il-midja soċjali, b’ħafna persuni jesprimu x-xokk. Diversi kummenti kienu mimlijin messaġġi ta’ kondoljanzi, talb u tifkiriet sbieħ, filwaqt li oħrajn iddeskrivew lil Natasha bħala persuna ta’ qalb kbira li kienet maħbuba minn ħafna.
Minn Gwida.mt nagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja, qraba u ħbieb ta’ Natasha Desira f’dan il-mument diffiċli.
Strieħ fis-sliem, Natasha.
Facebook / Natasha Desira