“Valletta Resounds: The Caravaggio Experience” Jingħata T-TripAdvisor Travellers’ Choice Award

Produzzjoni Maltija li għal dawn l-aħħar xhur attirat eluf ta’ viżitaturi ġiet rikonoxxuta fuq livell internazzjonali wara li Valletta Resounds: The Caravaggio Experience rebħet it-TripAdvisor Travellers’ Choice Award.

L-aħbar tħabbret mill-attur Jeremy Grech, li esprima s-sorpriża u l-kburija tiegħu għal dan is-suċċess miksub wara aktar minn 130 wirja u aktar minn 13,000 viżitatur li attendew għal din l-esperjenza kulturali unika.

Grech irringrazzja lil dawk kollha li ħallew ir-reviews tagħhom fuq TripAdvisor, li kienu strumentali biex il-produzzjoni tasal għal dan ir-rikonoxximent prestiġjuż.



Huwa sellem ukoll il-ħidma tat-tim kollu ta’ Udjenza, kemm dawk li jidhru fuq il-palk kif ukoll dawk li jaħdmu wara l-kwinti, filwaqt li rringrazzja lill-amministrazzjoni u lill-istaff tal-Konkatidral ta’ San Ġwann li jilqgħu l-produzzjoni fl-Oratorju b’mod regolari matul is-sena.



Valletta Resounds: The Caravaggio Experience toffri taħlita ta’ storja, teatru u mużika f’ambjent uniku taħt il-kapulavur famuż ta’ Caravaggio, The Beheading of Saint John the Baptist, li jinsab fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

F’messaġġ li kien fih ukoll nota ta’ umoriżmu, Jeremy Grech irringrazzja lill-istess Caravaggio għall-arti, il-karattru u “l-ġenn” tiegħu, li skontu jibqgħu ta’ ispirazzjoni kull darba li l-kast jagħti l-wirja taħt wieħed mill-aktar xogħlijiet artistiċi magħrufa fid-dinja.



Ritratti:

Facebook / Jeremy Grech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI