Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Kummissjoni Elettorali juru li fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ din is-sena nġabru 341,351 vot minn total ta’ 356,663 votant eliġibbli, li jfisser parteċipazzjoni ta’ 95.7%. Din tirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbla mal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, meta kienu nġabru 340,423 vot minn 354,896 votant eliġibbli, ekwivalenti għal 95.9% tal-voti eliġibbli.
Minkejja li din is-sena kien hemm 1,767 votant eliġibbli aktar milli kien hemm fl-2022, il-persentaġġ tal-parteċipazzjoni naqas bi 0.2 punti perċentwali. Iċ-ċifri juru wkoll kif l-elettorat Malti kompla jikber matul l-aħħar snin. Fl-2017 kien hemm 341,896 votant eliġibbli, filwaqt li fl-2022 dan in-numru tela’ għal 354,896 u issa laħaq 356,663 fl-2026.
Fir-rigward tal-voti miġbura, dawn żdiedu minn 333,524 fl-2017 għal 340,423 fl-2022 u għal 341,351 fl-elezzjoni li għadha kemm saret.
Għalkemm il-parteċipazzjoni naqset marġinalment meta mqabbla mal-aħħar elezzjoni ġenerali, il-livell ta’ 95.7% xorta jibqa’ wieħed għoli ħafna u jkompli jikkonferma l-interess qawwi tal-Maltin u l-Għawdxin fil-proċess demokratiku tal-pajjiż.
Skont iċ-ċifri uffiċjali, 15,312-il persuna eliġibbli mhux se jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2026.