Storja umoristika li se tibqa’ tissemma għal żmien twil seħħet fl-iskola magħrufa bħala “The Happy School” f’Għawdex. Dan ġara meta żewġ uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jagħmlu għassa mal-kaxxi tal-elezzjoni spiċċaw maħsudin minn kanzunetta li bdiet iddoqq f’nofs ta’ lejl b’mod awtomatiku.
Dan ġie żvelat mis-surmast Lelio Spiteri, li qasam l-episodju divertenti fuq il-midja soċjali. “Kif naħseb ħafna minnkom tafu, l-iskola tagħna ma ddoqqx qanpiena imma jinstemgħu d-diski,” kiteb Spiteri.
Huwa spjega li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, żewġ pulizija kienu stazzjonati fl-iskola biex jagħmlu għassa mal-kaxxi tal-elezzjoni. Madankollu, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl, meta kollox kien kwiet u skiet, f’daqqa waħda bdiet tinstema’ l-kanzunetta popolari Chitty Chitty Bang Bang mal-bini kollu tal-iskola.
“Tistgħu timmaġinaw x’ħasda ħadu ż-żewġ uffiċjali!” kiteb b’umoriżmu Spiteri. Jidher li s-sistema tal-iskola, li taħdem permezz ta’ timer awtomatiku, attivat il-mużika mingħajr ma kien hemm ħadd preżenti biex jintervjeni. Spiteri stqarr li lanqas hu ma jaf eżattament x’ġara, iżda jidher li t-timer baqa’ pprogrammat biex idoqq minkejja li kien nofs ta’ lejl.
Aktar tard filgħodu, waħda mill-pulizija kellmitu personalment u, b’ton ċajtier, irringrazzjatu tal-“qatgħa” li ħadu meta l-kanzunetta bdiet iddoqq għal għarrieda. “Imma jien x’tort għandi jaħasra, jekk is-sistema ddeċidiet li ddoqq f’nofs ta’ lejl?” żied jgħid Spiteri.
L-istorja wasslet għal ħafna tbissim u kummenti fuq il-midja soċjali, b’ħafna jfaħħru s-sens ta’ umoriżmu ta’ dawk involuti. U kif temm jgħid hu stess, “Fil-Happy School biss.”
Facebook / Lelio Spiteri