Fi tliet ġimgħat biss, il-ħajja tal-kelba Pin inbidlet kompletament. Minn stat kritiku fejn kienet qed tmut bil-ġuħ, illum qed turi sinjali sbieħ ta’ rkupru grazzi għall-imħabba, il-kura u d-dedikazzjoni ta’ min qed jieħdu ħsiebha.
Christa Cilia kitbet messaġġ fejn spjegat kif sabet lil Pin tliet ġimgħat ilu f’kundizzjoni li diffiċli tiddeskriviha. Skontha, il-kelba ma kinitx sempliċiment bil-ġuħ, iżda kienet waslet f’punt fejn ġisimha kien qed jibda jieqaf jiffunzjona kif suppost minħabba nuqqas estrem ta’ ikel u l-kumplikazzjonijiet li ġab miegħu.
“Meta rajtha għall-ewwel darba, ma stajtx nifhem kif ħadd seta’ jara din it-tbatija u jibqa’ għaddej bħallikieku ma kien ġara xejn,” kitbet Christa, filwaqt li ddeskriviet lil Pin bħala “ġilda u għadam” b’għajnejn li kienu jirriflettu t-tbatija u l-għeja tagħha.Illum, wara tliet ġimgħat ta’ kura intensiva, Pin qed terġa’ tieħu s-saħħa tagħha lura pass pass. Kull ikla li tiekol, kull moviment li tagħmel u kull sinjal ta’ titjib huma meqjusa bħala rebħa żgħira fil-ġlieda tagħha għall-ħajja.
Christa rringrazzjat lill-persuni li nnutaw lil Pin u għamlu t-telefonata li salvatha, kif ukoll lil dawk kollha li offrew donazzjonijiet, appoġġ kif ukolmessaġġi ta’ kuraġġ u talb. Ringrazzjament speċjali mar ukoll lit-tim ta’ Christa’s Pet Clinic li kien preżenti tul il-proċess kollu ta’ rkupru.
“Meta nħares lejn dawn iż-żewġ ritratti, ma narax biss trasformazzjoni. Nara kelba li kellha tmut u minflok għażlet li tgħix,” temmet tgħid Christa.
Fb/ Christa Cilia