L-awtriċi Maltija Chantelle Micallef Grimaud qasmet aktar dettalji dwar l-ispirazzjoni u l-proċess kreattiv wara d-dramm il-ġdid tagħha, Ġimgħa l-Ħabs, li se jittella’ fil-Sala Ospitalieri ġewwa Dar il-Mediterran bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju.
Chantelle spjegat kif l-idea tad-dramm twieldet minn interess qawwi fl-emozzjonijiet umani, ir-relazzjonijiet u l-esperjenzi diffiċli li ħafna drabi jinħbew wara l-ħitan tas-soċjetà.
Hija qalet li matul il-proċess tal-kitba ħadmet biex toħloq storja intensa u realistika li twassal messaġġ qawwi lill-udjenza billi żaret il-ħabs innifsu.
“Għalija kienet diffiċli ħafna niddeċiedi fuq xiex ħa nikteb, u pruvajt minn kollox biex inżomm mal-fatti li hemm… inħoss li ħafna drabi l-fatti huma aktar straordinarju mill-istejjer li nivvintaw aħna.”
L-awtriċi rrakkontat ukoll li l-kitba tad-dramm kienet proċess emozzjonali u ta’ sfida, fejn kellha tagħti importanza kbira lid-djalogu, il-karattri u l-awtentiċità tal-esperjenzi.
“Kull min ħa jmur jara dan id-dramm se jkollu esperjenza personali ħafna. Kieku kelli ngħid liema tema hi l-iktar importanti għalija, hi t-tema tal-ġustizzja. Teżisti l-ġustizzja? Issa li ktibt l-istorja naf x’inhi r-risposta.”
Ġimgħa l-Ħabs huwa mistenni jkun wieħed mill-produzzjonijiet teatrali li se jiġbdu interess matul ix-xahar ta’ Lulju fil-Belt Valletta, b’tema li ser tmiss lil dak li jkun profondament.