Bħal kull nhar ta’ Ħadd, The Malta Records kienu preżenti waqt il-programm Bonġu Malta biex jippreżentaw rekord nazzjonali ġdid.
Din id-darba, ir-rikonoxximent mar għand Mattia Muscat min-Naxxar, li stabbilixxa rekord bħala l-iżgħar kollezzjonist ta’ santi differenti tal-qaddisin fil-gżejjer Maltin
Fl-età ta’ 12-il sena, 7 xhur u 5 ijiem, Mattia rnexxielu jiġbor kollezzjoni impressjonanti ta’ 1,517-il santa differenti, kisba li wasslitlu dan it-titlu nazzjonali prestiġjuż.
Il-preżentazzjoni uffiċjali tar-rekord saret waqt edizzjoni ta’ Bonġu Malta mxandra direttament min-Naxxar fuq TVM.
Ir-rappreżentanti ta’ The Malta Records faħħru d-dedikazzjoni u d-devozzjoni ta’ Mattia lejn il-qaddisin, filwaqt li appellaw lill-pubbliku biex jgħinuh ikompli jkabbar il-kollezzjoni tiegħu.
Kull min għandu santi tal-qaddisin u jixtieq jagħti sehem f’din l-inizjattiva jista’ jikkuntattja lil The Malta Records, lill-programm Bonġu Malta jew direttament lill-familja ta’ Mattia.