Il-kantant internazzjonali Ed Sheeran ħabbar li se jkun qed jieħu pawsa mill-karriera mużikali tiegħu wara li jtemm it-tour attwali tiegħu, Loop Tour. Sheeran ħabbar waqt kunċert li ta nhar is-Sibt fi State Farm Stadium f’Glendale, Arizona, fejn spjega li jixtieq iqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħu wara xhur twal ta’ impenji u vjaġġi madwar id-dinja.
Il-kantant ta’ 34 sena huwa missier ta’ żewġt ibniet, Lyra ta’ ħames snin u Jupiter ta’ erba’ snin, li għandu ma’ martu Cherry Seaborn. Il-koppja ilha miżżewġa mill-2019 u Sheeran spiss tkellem dwar kemm il-familja tiegħu hija prijorità fil-ħajja tiegħu.
Bħalissa, Sheeran jinsab fl-Istati Uniti fejn għad fadallu diversi kunċerti x’jagħti. L-aħħar wieħed hemmhekk huwa skedat għas-7 ta’ Novembru f’Tampa, qabel ma jkompli t-tour tiegħu fl-Amerika t’Isfel. It-tour se jinkludi waqfiet fiċ-Ċili, il-Paragwaj, l-Arġentina, il-Brażil u l-Messiku, bl-aħħar kunċert mistenni jsir fil-Belt tal-Messiku fit-12 ta’ Diċembru. Wara dan, il-kantant mistenni jieħu l-waqfa li ħabbar sabiex jiddedika aktar ħin lill-familja tiegħu.
Għalkemm għadu mhux magħruf kemm se ddum din il-pawsa, l-aħbar qajmet reazzjonijiet fost il-partitarji tiegħu, li qed jistennew b’interess x’se jkun il-pass li jmiss fil-karriera ta’ wieħed mill-aktar artisti popolari tal-aħħar snin.
Facebook / Ed Sheeran