Mix-Xahar Id-Dieħel Se Tiddaħħal It-Taxxa Ta’ €3 Fuq Prodotti Mixtrija Minn Temu U Shein

Aħbar mhux daqstant sabiħa għal dawk kollha li mdorrija jixtru prodotti bi prezzijiet baxxi minn pjattaformi bħal Temu, Shein kif ukoll AliExpress. Dan hekk kif mix-xahar id-dieħel se tkun qiegħda tiddaħħal fis-seħħ it-taxxa kontroversjali ta’ €3 fuq prodotti ta’ kategoriji differenti mixtrija minn dawn il-pjattaformi.

F’dokument li nħareġ ġie kkjarifikat li din it-taxxa mhijiex se tkun qiegħda tapplika fuq kull prodott li wieħed jixtri. Dan ifisser li jekk pereżempju wieħed jixtri żewġ flokkijiet li huma l-istess, ma jeħilx taxxa doppja li tammonta għal €6 iżda minflok jeħel taxxa waħda ta’ €3.

Minflok it-taxxa se tkun qiegħda tapplika fuq meta wieħed jixtri prodotti ta’ kategoriji differenti. Madankollu, importanti li wieħed jifhem kif il-prodotti se jkunu qiegħdin jiġu kklassifikati għaliex żewġ prodotti li jidhru simili, mhux neċessarjament jappartjenu għall-istess kategorija f’għajnejn ir-regolamenti ta’ din it-taxxa.

Pereżempju, fil-każ li persuna tordna par headphones, charger u case tal-mowbajl, dawn it-tlett prodotti jitqiesu bħala prodotti li jappartjenu fi tlett kategoriji differenti, u għaldaqstant it-taxxa tapplika għal tlett darbiet – jiġifieri tammonta għal €9.

Id-dokument spjega wkoll kif din it-taxxa se tkun qiegħda tiġi implimentata. Jidher li se jkun hemm żewġ modi kif il-konsumatur jista’ jibda jiġi mitlub iħallas din it-taxxa. Jista’ jkun li l-konsumatur jiġi mitlub iħallas waqt li jkun qed jordna onlajn minn xi pjattaforma bħal Shein jew Temu, jew inkella jista’ jkun li jiġi mitlub iħallas meta l-prodott jasal f’pajjiżna.

L-Unjoni Ewropea sostniet li qed iddaħħal din it-taxxa sabiex tiġġieled kontra ż-żieda sostanzjali ta’ prodotti rħas li qed jiġu importati fil-kontinent.

Intom x’taħsbu dwar din it-taxxa?







Ritratti:

Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI