Samuel Farrugia temm b’suċċess il-kors universitarju tiegħu fl-Istorja, u kiseb First Class Degree, kisba li ġabet magħha messaġġ emozzjonanti mingħand ommu fuq il-midja soċjali. Ħafna jafu lil Samuel bħala l-ġuvni nieqes mid-dawl li minkejja dan ma jħalli xejn iwaqqfu milli jagħmel li jixtieq.
Fil-messaġġ tagħha, hija fakkret kif tliet snin ilu Samuel għażel li jkompli l-istudji tiegħu fl-università fis-suġġett favorit tiegħu – l-Istorja. Stqarret li, għalkemm fil-bidu kienet kemxejn xettika dwar l-għażla tal-kors, qatt ma ddubitat mill-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ binha.
Matul dawn it-tliet snin, Samuel mhux biss għadda mis-suġġetti kollha b’suċċess, iżda daħal ukoll fid-Dean’s List, qabel ma issa rċieva r-riżultati finali tiegħu li kkonfermaw il-kisba ta’ First Class Degree.
Ommu qalet li l-vjaġġ ma kienx wieħed faċli u li kien hemm mumenti meta Samuel ħassu qed jaqta’ qalbu. Madankollu, bis-saħħa tal-appoġġ tal-ħbieb tiegħu, il-letturi u d-determinazzjoni tiegħu stess, irnexxielu jilħaq dan l-għan importanti.
Filwaqt li esprimiet kemm hi kburija bih, tatu wkoll parir għall-futur, li jkun ġentili miegħu nnifsu, jitgħallem jagħraf u jfaħħar il-kisbiet tiegħu, u qatt ma jieqaf joħlom u jaħdem biex jilħaq il-miri tiegħu.
Hija temmet il-messaġġ tagħha billi assigurat lil Samuel li dejjem se tibqa’ warajh f’kull pass tal-vjaġġ tiegħu, filwaqt li qalet li issa qed tistenna bil-ħerqa l-mument li tarah jilbes it-toga waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni.
"Prosit, ibni," temmet tgħid ommu, f’messaġġ li mess il-qlub ta’ bosta persuni fuq il-midja soċjali.
Facebook / Mary Rose Farrugia