Ludwig Galea ħareġ twissija pubblika wara li sar jaf li persuna qed tuża ismu biex tipprova tqarraq b’persuni anzjani fil-Belt Valletta. Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Galea spjega li dan l-individwu qed jersaq lejn anzjani u jgħidilhom li huwa Ludwig Galea, filwaqt li jitlobhom il-flus.
Skont dak li qed jingħad, l-impostur qed jivvinta storja li l-vann tiegħu waqaflu u li għandu bżonn il-flus biex ikun jista’ jitma’ lill-kelb tiegħu. Ludwig Galea ċaħad kompletament dawn l-allegazzjonijiet u ċċara li la għandu vann, la għandu kelb u lanqas joqgħod Ħal Luqa, kif allegatament qed jgħid dan ir-raġel.
Huwa żied li se jkun qed jagħmel rapport fl-Għassa tal-Belt Valletta dwar dan il-każ, filwaqt li appella lill-pubbliku biex joqgħod attent u ma jagħti l-ebda flus lil min qed jippretendi li hu. "Ħudu ħsieb li ma tatux flus lil dan l-impostur," temm iwissi Galea, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex javża wkoll lil qraba u persuni anzjani sabiex ma jaqgħux vittmi ta’ din l-iskema.
Facebook / Ludwig Galea