“Laqtitni L-Umiltà Tal-Plejer Norveġiż Ta’ Manchester City Erling Haaland Wara Li Ntemmet L-Avventura Tan-Norveġja” – Dr Nicholas Briffa

Riċentament inqalgħu mit-tazza tad-dinja n-Norveġja iżda bosta tkellmu dwar kemm hu bniedem tar-rispett il-plejer Erling Haaland. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, Dr Nicholas Briffa tkellem dwar dan.

Hu qal, “Verament laqtitni l-umiltà tal-plejer Norveġiż ta' Manchester City Erling Haaland wara li ntemmet l-avventura tan-Norveġja fit-Tazza tad-Dinja kontra l-Ingilterra. Ftit minuti biss wara wieħed mill-akbar diżappunti tal-karriera tiegħu, ma gergirx, ma ġabx skużi u lanqas ipprova jnaqqas mill-mertu tar-rebbieħa. Minflok, faħħar lil Jude Bellingham, sejjaħlu wieħed mill-aqwa plejers fid-dinja u qal li Bellingham jirċievi ħafna aktar kritika milli jistħoqqlu. Lill-ġurnalist ieħor qallu li forsi dan iseħħ għax Bellingham huwa wieħed mill-ifjen talenti bħalissa u kulħadd jistenna ħafna minnu.”

Kompla billi żied jgħid, “Saħansitra qal li kemm l-Ingilterra kif ukoll ir-Real Madrid huma fortunati li għandhom plejer bħalu, u awgura lill-Ingilterra għall-kumplament tat-tournament. Dan jgħid ħafna dwar il-karattru ta' Erling Haaland. Faċli tfaħħar lil ħaddieħor meta tkun qed tirbaħ. Iżda hemm bżonn maturità vera biex tagħraf il-kobor ta' persuna oħra meta s-suċċess tagħha jkun ġie għad-detriment tiegħek. Forsi l-aktar kliem li messni, iżda, kien dak dwar in-Norveġja. Huwa qal li l-aħħar sitt ġimgħat tawh memorji għal ħajtu kollha u żied jgħid: "Nittama li din l-esperjenza ħolqot aktar għaqda fil-pajjiż. Għandna nkunu kburin".”

Qal ukoll, “Ma ffukax fuq il-gowls tiegħu, fuq ir-rebħa kontra l-Brażil jew fuq l-attenzjoni li rċieva. Tkellem dwar kif in-Norveġja rrappreżentat ruħha: l-għaqda, il-partitarji u l-valuri li wrew. Din hi l-umiltà. Dan hu l-ispirtu sportiv. Il-kobor ta' persuna ma jidhirx biss fil-mod kif tiċċelebra r-rebħa. Xi drabi jidher aktar ċar fil-mod kif iġġib ruħek meta titlef.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI