Dak li kienu qed jaħdmu fuqu l-Balzanin rriżulta f'suċċess storiku! Wara l-marċ brijuż tal-Ħadd filgħodu, it-tim ta' The Malta Records kien preżenti biex uffiċjalment jikkonferma u jippreżenta tliet rekords nazzjonali lill-Kummissjoni Nar tas-Soċjetà Filarmonika Marija Annunzjata.
Id-dilettanti tassew qabżu kull aspettattiva. L-ewwel rekord kien wieħed ġdid fjamant: l-akbar numru ta' flashpots waqt spettaklu tal-karti f'Malta, b'total impressjonanti ta' 1,020. Iżda ma waqfux hemm. It-tieni rekord inkiseb għall-akbar spettaklu tal-karti sinkronizzat mal-mużika b'3,102 żbroffatura, biex b'hekk ddaħħal fix-xejn ir-rekord preċedenti ta' 2,003.
It-tielet rekord kompla jikser dak li waqqfu huma stess is-sena l-oħra, b'total ġenerali ta' 4,504 żbroffatura li inkludew tiri ta' karti, daħna, sufar u kaxxi taċ-Ċiniżi. Spettaklu ta' skala kbira li żgur se jibqa' mnaqqas fl-istorja tal-festa Balzanija u li wera l-kapaċità u d-dedikazzjoni ta' dan il-każin. Prosit tassew!
Facebook/The Malta Records