Inawgurat Proġett Ta’ Manutenzjoni U Tisħiħ Tas-Sigurtà Fis-Sede Tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp Fil-Kalkara

Ġie inawgurat proġett estensiv ta’ manutenzjoni u tisħiħ tas-sigurtà fuq il-bejt tas-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Kalkara. Il-proġett, li twettaq b’investiment li fil-parti l-kbira tiegħu kien iffinanzjat mill-Fondazzjoni Kottonera, kellu l-għan li jindirizza problemi ta’ dħul tal-ilma, itejjeb l-istandards tas-sigurtà u jippreserva l-binja għas-snin li ġejjin.

L-inawgurazzjoni saret matul il-ġimgħa tal-festa titulari ta’ San Ġużepp u għaliha attendew il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u l-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp Josef Vella.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli sostniet li l-Gvern se jkompli jinvesti fi proġetti li jsaħħu l-infrastruttura tal-għaqdiet volontarji u jħarsu l-patrimonju lokali. Hija qalet li investiment fil-każini u s-soċjetajiet mużikali huwa investiment dirett fil-komunitajiet u fit-tradizzjonijiet li jagħtu identità lill-irħula u l-ibliet Maltin.

Min-naħa tiegħu, Joe Mizzi saħaq li l-Fondazzjoni Kottonera tibqa’ impenjata li tappoġġja inizjattivi li jtejbu l-faċilitajiet tal-għaqdiet volontarji u jsaħħu r-rwol tagħhom bħala ċentri kulturali u komunitarji.

Josef Vella spjega li x-xogħlijiet kienu jinkludu t-tneħħija tas-saff eżistenti tal-bejt, l-installazzjoni ta’ membrane ġdida kontra d-dħul tal-ilma u t-tqegħid ta’ madum ġdid biex il-bejt ikun aktar reżistenti u funzjonali. Saru wkoll interventi fuq is-sistema tal-elettriku, ġie installat dawl permanenti u puġġaman fit-taraġ, filwaqt li twettqet manutenzjoni fuq partijiet oħra tal-binja biex jiġu eliminati problemi kkawżati mill-umdità.

Parti mix-xogħol, fosthom l-installazzjoni tal-elettriku fuq il-bejt, saret b’mod volontarju minn membri tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, f’ġest li jkompli juri d-dedikazzjoni tagħhom lejn is-soċjetà u l-komunità Kalkariża.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI