Suldat tal-Forzi Armati ta' Malta temm b'suċċess kors intensiv ta' taħriġ fil-muntanji fl-Italja, kisba li tkompli ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-AFM.
Lance Bombardier Agius Arnold, mis-C Company tal-Ewwel Reġiment tal-Forzi Armati ta' Malta, temm b'suċċess il-Basic Mountaineering Course, kors ta' 20 jum organizzat mill-Esercito Italiano fiċ-Centro Addestramento Alpino f'Aosta.
Il-kors ġabar flimkien 25 parteċipant minn tliet pajjiżi differenti. Fosthom kien hemm 22 suldat Taljan, żewġ suldati Libaniżi u Lance Bombardier Agius Arnold bħala l-uniku rappreżentant Malti.
Matul it-taħriġ, il-parteċipanti żviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex joperaw b'mod sigur u effettiv f'ambjenti muntanjużi f'altitudni ta' bejn 2,000 u 3,500 metru. It-taħriġ kien jinkludi tekniki ta' ħidma bil-ħbula, għoqod speċjalizzati tal-muntanji, kif jintefa' u jiġi mmaniġġjat il-ħabel, irkupru ta' persuni, proċeduri ta' emerġenza, moviment fuq is-silġ u navigazzjoni f'terren alpinu.
Il-Forzi Armati ta' Malta faħħru lil Lance Bombardier Agius Arnold għal din il-kisba, filwaqt li sostnew li taħriġ ta' dan il-livell ikompli jsaħħaħ il-preparazzjoni u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-korp f'xenarji differenti.
Facebook / Armed Forces of Malta