Il-kanzunetta La Tinsinix, interpretata minn Mike Spiteri, Lisa Gauci u Jasmine Abela, kompliet tikseb suċċess hekk kif telgħet fl-ewwel post tal-Klassifika Tal-Maltin imtella' minn DJ Vision TV.
Din il-kanzunetta hija adattazzjoni bil-Malti ta' Keep Me In Mind, il-kanzunetta oriġinali ta' Ray Agius u Alfred C. Sant. Il-verżjoni Maltija nkitbet minn Emil Calleja Bayliss, fuq il-mużika ta' Ray Agius, b'arranġament ta' Edward Abela minn The Midnight Studio.
La Tinsinix inħolqot b'għan nobbli, hekk kif ġiet rilaxxata biex tappoġġja l-maratona ta' ġbir ta' fondi għal DAR Bjorn, f'isem ALS+ Malta li se ssir fit-30 ta' Awwissu.
Ir-rispons tal-pubbliku kien wieħed pożittiv ħafna. Fil-fatt, wara li daħlet direttament fis-sitt post tal-klassifika fis-6 ta' Lulju, fi żmien ġimagħtejn biss il-kanzunetta rnexxielha titla' sal-quċċata tal-klassifika. Dan is-suċċess huwa xhieda tal-apprezzament li rċeviet il-produzzjoni kollha, inkluż il-filmat mużikali, li nħadem mit-tim ta' Gwida.mt.
Minn naħa tagħna, inħossuna tassew kburin b'din il-kisba u b'din il-produzzjoni, u nirringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex La Tinsinix waslet għand tant nies, filwaqt li qed tkompli xxerred messaġġ ta' tama u solidarjetà għal kawża tant importanti.