“Għożżu Kull Waqt U Mument Magħhom Sakemm Għadhom Hawn Għax Bħalhom U Daqshom Ma Jħobbok ĦADD!” – Fr. George Micallef B’Riflessjoni Fil-Jum Li Ommu Tagħlaq Sitt Xhur Mejta

Sitt xhur wara li tilef lil ommu, Fr. George Micallef OFM Conv. qasam messaġġ emozzjonanti ta’ mħabba u tifkira, hekk kif esprima kemm kienet iebsa għalih il-firda minn magħha.

“Dak il-mument li rajtek tieħu l-aħħar nifsijiet... nistqarr li kien l-agħar mument ta’ ħajti,” kiteb Fr. George. Huwa żied jgħid li, minkejja li kien jaf li għal ommu kienet qed tintemm it-tbatija ta’ din id-dinja, il-mument tal-firda kien wieħed kiefer wisq.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Franġiskan Konventwali ħalla wkoll parir lil dawk kollha li għandhom il-ġenituri tagħhom għadhom magħhom.“Għożżu kull waqt u mument magħhom sakemm għadhom hawn, għax bħalhom u daqshom ma jħobbok ħadd,” kiteb fuq il-midja soċjali għax meta titlifhom tkun taf verament x'teżor tlift.

Fr. George temm il-messaġġ tiegħu b’talba għal ommu, filwaqt li esprima x-xewqa li tkompli tħares lejhom minn fejn tinsab: “Strieħ Ma u itlob għalina.”

Dan il-messaġġ jfakkarna fil-valur tal-ħin mal-għeżież tagħna u fl-imħabba unika li biss omm u missier jistgħu jagħtu lil uliedhom.

Ritratti:

Facebook/Geroge Micallef

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI