Illum il-Knisja madwar id-dinja qed tiċċelebra l-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani, inizjattiva li waqqaf il-Papa Franġisku sabiex tfakkarna fil-valur kbir tal-anzjani fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà.
Din il-ġurnata hija stedina biex nagħtu ġieħ lil dawk li, bil-għerf, il-fedeltà u x-xhieda tagħhom, komplew iwasslu l-fidi minn ġenerazzjoni għal oħra.
F’dan il-jum speċjali, il-Papa Franġisku qal: "Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani hi opportunità biex niskopru mill-ġdid li l-Knisja hi msejħa biex tkun omm kulħadd u li f’kull età dejjem possibbli li bniedem jagħraf lilu nnifsu bħala iben u bint Alla."
F’din l-okkażjoni, ningħaqdu fit-talb u fir-radd il-ħajr lejn in-nanniet u l-anzjani kollha għall-imħabba tagħhom, għas-sagrifiċċji li għamlu tul ħajjithom, għax-xhieda tal-fidi u għat-talb li joffru kuljum għall-familji u għall-Knisja. Il-preżenza tagħhom hija barka u teżor li jkompli jsaħħaħ il-ħajja tal-komunitajiet tagħna.
Awguri mill-qalb lin-nanniet u lill-anzjani kollha. Grazzi tal-eżempju tagħkom, tal-għerf tagħkom u tal-imħabba li tkomplu xxerrdu fostna.