Qed isir appell mill-qalb biex Alaska, kelba ta’ 12-il sena, issib familja ġdida li tkun tista’ tagħtiha l-imħabba u l-kura li ħaqqha. Skont il-post li ttella’ fuq il-midja soċjali minn Christa Cilia, is-sid tagħha għandu bżonn jitlaq minn Malta b’urġenza u, minkejja li qalbu maqsuma, m’għandu l-ebda għażla ħlief li jfittex dar ġdida għaliha.
Fl-appell, il-pubbliku ġie mħeġġeġ biex ma jiġġudikax is-sitwazzjoni, iżda minflok jgħin billi jaqsam il-post sabiex Alaska jkollha ċans issib familja ġdida. Minkejja li għandha 12-il sena, Alaska tinsab f’saħħitha u m’għandha l-ebda problemi mediċi. Għadha tħobb il-mixjiet, tieħu gost tgħum u għandha ħafna mħabba x’toffri lil min jiddeċiedi jagħtiha ċans.
Tul ħajjitha, Alaska għexet ma’ erba’ klieb oħra li kollha mietu minħabba x-xjuħija. Għalhekk, huwa maħsub li tkun l-aktar kuntenta f’dar kwieta, jew waħedha jew inkella ma’ kelb kalm u ġentili. Is-sid tagħha xtaq jeħodha miegħu, iżda ddeċieda li ma jagħmilx dan minħabba t-tħassib tiegħu dwar il-kwarantina li kienet ikollha tgħaddi minnha f’din l-età. L-akbar xewqa tiegħu hija li Alaska tqatta’ s-snin li fadlilha f’ambjent mimli mħabba.
Kull min jaħseb li jista’ joffri lil Alaska dar għall-bqija ta’ ħajjitha huwa mħeġġeġ jagħmel kuntatt mal-persuna li tellgħet l-appell, sabiex din il-kelba tkun tista’ tgawdi s-snin tad-deheb tagħha kif tassew jixraqilha.
Facebook / Christa Cilia