“Id-Dixxiplina Tagħmlek Nies” – Sebastian Debono Jiċċelebra Għeluq Is-46 Sena B’Riflessjoni Dwar Il-Ħajja, Il-Familja U S-Suċċess

Sebastian Debono, wieħed mid-diretturi ta' Maypole, iċċelebra għeluq is-46 sena tiegħu b'riflessjoni personali li fiha qasam il-valuri li sawruh tul ħajtu, b'enfasi fuq id-dixxiplina, il-familja u x-xogħol iebes.

F'kitba maqsuma mill-paġna The People of Malta, Debono ddeskriva lilu nnifsu bħala persuna "versatili ħafna", li tħaddan valuri konservattivi filwaqt li tadatta għaż-żminijiet. Qal ukoll li l-materjaliżmu qatt ma kien prijorità għalih u żvela li l-akbar ispirazzjoni tiegħu jibqa' missieru, Nenu Debono.

"Dixxiplina tagħmlek nies," sostna Debono, filwaqt li spjega kif minkejja li meta kien żgħir ma tantx kien japprezza d-dixxiplina, illum jemmen li hija waħda mill-aktar pedamenti importanti biex persuna tilħaq il-miri tagħha.

L-isport kellu rwol ewlieni f'din il-bidla. Ta' 23 sena beda jipprattika l-kickboxing, aktar tard daħal fid-dinja tal-crossfit u t-triathlon, u s-sena li għaddiet saħansitra temm żewġ kompetizzjonijiet full Ironman. Skontu, dawn l-esperjenzi tawh aktar kunfidenza fih innifsu u għallmuh li s-suċċess jiġi biss permezz ta' impenn u konsistenza.

Meta tkellem dwar Maypole, Debono spjega li s-suċċess tal-kumpanija huwa mibni fuq il-valuri li rċevew mingħand il-ġenituri tagħhom. Fakkar kif ta' 15-il sena kien jaħdem kull lejl u għamel 11-il sena jgħix b'din ir-rutina, b'ħafna sagrifiċċji meta mqabbel ma' sħabu.

Huwa saħaq li x-xogħol iebes dejjem jagħti l-frott u li bħala kumpanija dejjem ifittxu li jkunu mexxejja fis-settur tagħhom permezz tal-innovazzjoni. Żied li ma jibżax mill-kompetizzjoni, anzi jqisha bħala element b'saħħtu li jġiegħlek ittejjeb lilek innifsek, sakemm tibqa' waħda sana u ġusta.

Minkejja l-karriera tiegħu fin-negozju, Debono ammetta li għad għandu ħolm x'iwettaq. Qal li jixtieq jinvolvi ruħu aktar fid-dinja tal-isport u jkompli jsegwi l-passjoni tiegħu għat-tisjir, bil-ħolma li xi darba jiftaħ ħanut żgħir fejn iservi lill-klijenti tiegħu.

Fl-għeluq is-46 sena tiegħu, il-paġna The People of Malta awguratlu l-isbaħ xewqat b'messaġġ sempliċi: "Happy Birthday! Awguri Sebastian Debono!"

Ritratti:

Facebook / Sebastian Debono

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI