19-Il Bajja Madwar Malta B’Faċilitajiet Imtejba Għall-Istaġun Tas-Sajf

L-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi lestiet sensiela ta’ interventi f’19-il bajja madwar Malta biex ittejjeb il-faċilitajiet, issaħħaħ l-aċċessibbiltà u toffri esperjenza aktar sigura għall-pubbliku matul l-istaġun tas-sajf.

It-tħabbira saret waqt żjara tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Dennis Vella, fuq waħda mill-bajjiet li bbenefikat minn dawn l-interventi.

Il-Ministru qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti fi spazji pubbliċi ta’ kwalità sabiex il-familji Maltin u t-turisti jkunu jistgħu jgawdu minn bajjiet aktar siguri, aċċessibbli u mgħammra aħjar. Hija appellat ukoll lill-pubbliku biex iżomm il-bajjiet nodfa, filwaqt li fakkret fil-kampanja "Xummiemu m’għandux vaganzi. Inżommu Nadif!"

Fost ix-xogħlijiet li twettqu kien hemm l-installazzjoni u t-titjib ta’ seba’ torrijiet tas-salvataġġ, 910 metri ta’ passaġġi, 67 reċipjent għall-iskart, 14-il shower, erba’ kmamar għat-tibdil tal-ħwejjeġ, għaxar slielem għall-baħar u erba’ tabelli ta’ informazzjoni.

Dennis Vella spjega li l-interventi saru wara ppjanar u koordinazzjoni estensiva biex il-faċilitajiet ikunu lesti għall-użu fis-sajf, filwaqt li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni qed ikomplu b’ħidma ta’ kuljum biex il-bajjiet jibqgħu nodfa u f’kundizzjoni tajba.

L-interventi, li twettqu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kienu mifruxa fuq diversi bajjiet, fosthom Mellieħa Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa, Buġibba Perched Beach, Qawra Point, Fond Għadir, St George’s Bay, Pretty Bay u Balluta Bay, kif ukoll f’diversi lokalitajiet oħra madwar Malta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI