Lorella Cuccarini Tagħlaq 61 sena – Għeluq Is-snin Ta’ Waħda Mill-Aktar Uċuħ Maħbuba Fl-Italja

Illum, Lorella Cuccarini qed tiċċelebra għeluq il-61 sena tagħha. Imwielda fl-1965, Lorella hija waħda mill-aktar personalitajiet magħrufa u maħbuba fl-ispettaklu Taljan, b’karriera li mifruxa fuq diversi għexieren ta’ snin.

Matul is-snin, Lorella wriet il-versatilità tagħha bħala żeffiena, kantanta u preżentatriċi, kif ukoll ħadmet fuq uħud mill-aktar programmi u spettakli magħrufa fl-Italja. Minkejja li għaddew is-snin, hija baqgħet attiva u dejjem kapaċi żżomm postha fil-qalba tal-udjenza Taljana u anke Maltija.

F’dawn l-aħħar snin, ħafna komplew isegwuha wkoll permezz tal-programm popolari Amici, fejn kellha l-irwol ta’ għalliema u qiegħdet l-esperjenza tagħha għad-dispożizzjoni ta’ talenti żgħażagħ li qed jibdew il-vjaġġ tagħhom fid-dinja tal-mużika u tal-ispettaklu.

Lorella għandha wkoll rabta partikolari ma’ Malta. Fl-2024 kienet ippreżentat Una Notte Con Le Stelle, spettaklu kbir ta’ mużika Taljana ġewwa il-Fosos tal-Furjana, u din is-sena se terġa’ tkun il-preżentatriċi tat-tieni edizzjoni, li se ssir fil-5 ta’ Settembru. Flimkien magħha se jkun hemm ukoll il-preżentatur Malti Keith Demicoli.

Mhux ta’ b’xejn li l-għeluq is-snin tagħha ġab miegħu wkoll ħafna awguri mill-Maltin, li tul is-snin komplew isegwuha u juruha l-affezzjoni tagħhom..

Għal Lorella, jidher li s-snin qed ikomplu jġibu magħhom mhux biss esperjenza, iżda wkoll enerġija, proġetti ġodda u x-xewqa li tibqa’ tpoġġi ruħha għall-isfidi ġodda.

Ritratti:

Facebook/Lorella Cuccarini

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI