Jum doppju ta’ ċelebrazzjoni għal George Curmi Puse, hekk kif illum għalaq 60 sena filwaqt li flimkien ma’ martu Hilda qed jiċċelebraw ukoll 30 sena anniversarju taż-żwieġ tagħhom.
F’din l-okkażjoni speċjali, Hilda qasmet messaġġ emozzjonanti ddedikat lil żewġha, hekk kif esprimiet il-gratitudni tagħha għall-ħajja li bnew flimkien matul dawn it-tliet diċennji.
Hija rringrazzjat lil Alla għall-familja li rabbew flimkien u li għadha qed tkompli tikber, kif ukoll għall-memorji kollha li ħolqu, id-daħk li qasmu u l-isfidi li rnexxielhom jegħlbu flimkien.
Hilda saħqet ukoll, fuq l-imħabba li sostniethom tul kull kapitlu ta’ ħajjithom, kemm fil-mumenti sbieħ kif ukoll f’dawk aktar diffiċli. B’mod partikolarment sabiħ, wara 30 sena miżżewġin, Hilda qalet li “nerġa’ nagħżlek mill-ġdid”.
Temmet billi esprimiet it-tama u t-talba tagħha għal ħafna aktar memorji sbieħ flimkien ma’ wliedhom, in-neputi, il-familji u l-ħbieb tagħhom.
Aħna wkoll nawguralu l-isbaħ xewqat, kif ukoll għeluq l-anniversarju mill-isbaħ!
Facebook/Hilda Curmi