L-inkonvenjent għall-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla l-Erbgħa filgħodu, hekk kif diversi titjiriet reġgħu ġew ikkanċellati minħabba sħaba ta’ rmied vulkaniku mill-Etna fi Sqallija.
Is-sħaba tar-rmied, ikkawżata mill-attività vulkanika tal-Etna, kompliet tinfirex lejn ir-rotta tal-ajru bejn Sqallija u Malta, u qed taffettwa l-operat ta’ diversi linji tal-ajru. Nhar it-Tlieta ġew ikkanċellati 19-il titjira minn u lejn Malta, filwaqt li oħrajn esperjenzaw dewmien.
Fost it-titjiriet ikkanċellati l-Erbgħa filgħodu kien hemm servizz ta’ Swiss/KM Malta Airlines lejn Zurich, kif ukoll titjira ta’ Jet2.com lejn Edinburgh. Transavia kkanċellat ukoll titjira li kienet mistennija tasal Malta minn Paris Orly matul waranofsinhar. Diversi titjiriet oħra ġew affettwati minn dewmien.
L-attività tal-Etna qed tħalli impatt ukoll fuq l-ajruport ta’ Katanja fi Sqallija, fejn l-operat tat-titjiriet ġie affettwat direttament mill-eruzzjoni. Il-passiġġieri li għandhom titjira skedata huma mħeġġa jiċċekkjaw l-aħħar informazzjoni dwar it-titjira tagħhom mal-linja tal-ajru qabel ma jmorru lejn l-ajruport, hekk kif is-sitwazzjoni tista’ tkompli tinbidel skont il-moviment tas-sħaba tar-rmied.
Facebook / Malta International Airport