Mument mill-isbaħ qasam Clive Tanti ma’ missieru, il-kantant u mużiċist Joe Tanti tal-Greenfields. "Ġejt nara lill-missieri u ddeċieda li jagħmel marċ tal-Ħamrun. Il-Bambin ibierku," kiteb Clive filwaqt li qasam dan il-mument ħelu ma’ dawk li jsegwuh.
Joe Tanti huwa isem sinonimu mal-mużika Maltija u, permezz tal-Greenfields, ta kontribut importanti lill-mużika folk moderna f’pajjiżna. Il-grupp twaqqaf fl-1970 minn Joe, martu Carmen u Charles Bajada.
Joe u Carmen baqgħu magħrufa u maħbuba għal bosta kanzunetti li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, fosthom Il-Karozzin, Il-Vapur tal-Art u Il-Banda ta’ Indri. Uħud minn dawn il-kanzunetti għadhom jiġu ċċelebrati sal-lum, tant li din is-sena Mużika Mużika inkludiet medley tal-Greenfields fis-Serata tal-Klassiċi.
Carmen Tanti ħalliet din id-dinja fl-1 ta’ Diċembru tal-2022, fl-età ta’ 75 sena. Hi u Joe mhux biss qasmu ħajjithom flimkien, iżda wkoll vjaġġ mużikali li ħalla marka fuq il-kultura popolari Maltija.
Facebook / Clive Tanti