Joyce, omm ta' 79 sena, titkellem dwar kif minn meta twieled binha Christopher li għandu diżabilità, hi dejjem rat li trabbieh b'imħabba, passjoni u dedikazzjoni. "Għalija Christopher huwa l-mimmi t'għajnejja," tistqarr Joyce.
L-omm tispjega kif minn meta għalqet sebgħin sena bdiet tikkonfondi x'kien se jiġri minn binha ladarba hi ma tibqax f'din id-dinja. Issemmi ħsieb ikrah li għadda minn moħħha dwar x'kien se jagħmel binha "kieku jagħtini xi attakk tal-qalb f'nofs ta' lejl".
B'xorti tajba, Joyce sabet lill-Fondazzjoni Nazareth li offrew saqaf lil binha mill-għada. "Għall-bidu nħsadt imma mbagħad irrealizzajt li kienet l-aħjar għażla minħabba l-ħsibijiet li tant bdew jippreokkupawni," tispjega Joyce.
Il-Fondazzjoni Nazareth tat lil Christopher saqaf taħt rasu fejn żgur dejjem se jsib familja li tħobbu u li dejjem lesta sabiex tara li jingħata l-attenzjoni li għandu bżonn.
Nhar is-Sibt 5 ta' Settembru, din il-Fondazzjoni se tkun qiegħda tagħmel maratona ġbir ta' fondi sabiex oħrajn bħal Christopher ikunu jistgħu jingħataw dar fejn fiha jħossuhom maħbuba.
Facebook / Fondazzjoni Nazareth