Il-preżentatur Joseph Chetcuti jinsab lest għas-Solennità ta’ Santa Marija, hekk kif arma l-knisja minjatura tiegħu apposta għal din il-festa tant għażiża għall-Maltin.

Joseph huwa magħruf sew għall-imħabba tiegħu lejn il-festi Maltin, tant li għal snin twal wassal programmi marbuta proprju ma’ dan il-qasam. Fosthom insibu Marċi u Bandalori, programm li ilu jixxandar għal żmien twil u li jlaqqa’ lit-telespettaturi mat-tradizzjonijiet u l-atmosfera tal-festi Maltin.

Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li din il-passjoni tidher ukoll fil-knisja minjatura tiegħu, li għal dawn il-jiem tinsab armata kif jixraq għas-Solennità tal-Assunta. Ġest sabiħ li jkompli juri kemm il-festi u t-tradizzjonijiet Maltin huma għal qalb Joseph Chetcuti.
