Tliet artisti żgħażagħ Maltin kisbu riżultati mill-isbaħ waqt il-festival internazzjonali Musikalische Welle, b’Erseb Productions tesprimi l-kburija tagħha għall-kisbiet ta’ Janah Desira, Roan Pirotta u Karla Muscat.
Janah Desira kisbet it-tieni post fil-kategorija tagħha, iżda s-suċċess tagħha ma waqafx hemm hekk kif ingħatat ukoll l-unur prestiġjuż tal-Aqwa Artista tal-kompetizzjoni kollha. Riżultat mill-aqwa kiseb ukoll Roan Pirotta, li rebaħ il-kategorija tiegħu u b’hekk kiseb l-ewwel post. Min-naħa tagħha, Karla Muscat spiċċat mal-aqwa ħamsa fil-kategorija tagħha u ngħatat ukoll Diploma Award.
Janah u Roan huma studenti ta’ VocalBooth Studios taħt it-tmexxija tal-kowċ vokali Josef Tabone, filwaqt li Karla titħarreġ fi Claire McCartin Vocal Studio. Erseb Productions irringrazzjat lill-kowċis vokali għax-xogħol kontinwu, il-gwida u l-appoġġ li jagħtu lil dawn l-artisti żgħażagħ.
Erika Said kellha wkoll rwol importanti f’din l-esperjenza, hekk kif irrappreżentat lil Malta bħala Kap tad-Delegazzjoni, filwaqt li kienet ukoll membru tal-ġurija internazzjonali. "Nirritornaw lura d-dar kburin immens – tliet artisti, tliet kisbiet mill-isbaħ u memorji li se jibqgħu magħna għal dejjem," kitbu Erseb Productions, filwaqt li faħħru lil Janah, Karla u Roan għall-mod kif irrappreżentaw lil Malta.
Erseb Productions irringrazzjat ukoll lil Ellada u lit-tim kollu ta’ Musikalische Welle – Music Wave għall-akkoljenza u għall-esperjenza li offrew lid-delegazzjoni Maltija tul il-festival. Prosit mill-qalb lil Janah, Roan u Karla għal dawn ir-riżultati mill-isbaħ u talli komplew itajru l-bandiera Maltija f’kompetizzjoni internazzjonali!
Facebook / Erseb Productions