Burgas tħabbret bħala l-belt ospitanti tal-Eurovision Song Contest tal-2027, hekk kif għelbet l-isfida tal-belt kapitali Bulgara, Sofia. Minkejja l-potenzjal li għandha Burgas, id-deċiżjoni żgur li ssorprendiet lil bosta segwaċi tal-Eurovision Song Contest, b’mod partikolari lil dawk li kienu qed jistennew li dan il-festival prestiġjuż jittella’ għall-ewwel darba f’Sofia.
Madankollu, Burgas għandha ħafna x’toffri u tista’ tkun destinazzjoni mill-aqwa għall-eluf ta’ dilettanti li mistennija jivvjaġġaw lejn il-Bulgarija għall-Eurovision. Hija r-raba’ l-akbar belt fil-pajjiż u tinsab mal-kosta tal-Baħar l-Iswed.
Wieħed mill-akbar vantaġġi għall-vjaġġaturi huwa li Burgas għandha l-ajruport internazzjonali tagħha stess. Il-belt għandha wkoll stazzjon tal-ferrovija, stazzjonijiet tal-karozzi tal-linja u netwerk ta’ trasport pubbliku, filwaqt li ċ-ċentru huwa adattat ħafna biex iddur fih bil-mixi.
Dawk li jixtiequ jgħaqqdu l-Eurovision ma’ vaganza, Burgas tista’ tkun għażla ferm interessanti. Il-belt għandha aktar minn 20 kilometru ta’ bajjiet, filwaqt li l-famuż Sea Garden jinfirex għal madwar seba’ kilometri tul il-kosta. Madwar il-belt hemm ukoll tliet lagi u diversi żoni naturali.
Burgas għandha wkoll reputazzjoni bħala belt tal-festivals u tal-kultura, b’diversi avvenimenti mużikali u artistiċi jittellgħu hemmhekk matul is-sena. Għal min ikun irid jesplora aktar, fost l-attrazzjonijiet wieħed isib St. Anastasia Island, Aquae Calidae u diversi siti storiċi, filwaqt li l-belt għandha għażla wiesgħa ta’ ristoranti u akkomodazzjoni.
Għalhekk, għalkemm Sofia setgħet dehret bħala l-għażla ovvja għal ħafna, Burgas għandha diversi ingredjenti li jistgħu jagħmluha belt ospitanti interessanti ferm. Baħar, bajjiet, kultura u Eurovision – il-partitarji jistgħu jispiċċaw jieħdu ħafna aktar minn sempliċiment ġimgħa ta’ mużika!
Facebook / Eurovision Song Contest