Ħal Għaxaq Jixgħel Il-Pjazza B’Żewġ Iljieli Ta’ Spettaklu Għall-Festa Ta’ Santa Marija

Il-festa ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq din is-sena se jkollha żewġ serati speċjali mimlija mużika, kuluri u spettaklu, hekk kif il-lokalità qed tiċċelebra wkoll l-400 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa. Is-Sezzjoni Żgħażagħ Stillieri, flimkien mat-Team tal-Għaxaq Music Festival, se jippreżentaw Night of Colors – Lejl tal-Lwien u 400 Years Together – Our Parish… Our Party, żewġ avvenimenti li se jsiru wara l-marċi tat-Tridu fit-12 u t-13 ta’ Awwissu.

L-Erbgħa 12 ta’ Awwissu, wara l-marċ tat-tieni Tridu, il-pjazza se tinbidel f’ċelebrazzjoni ta’ kulur u mużika għal Night of Colors – Lejl tal-Lwien. Il-band ta’ Kirsten Graham se takkumpanja lil Claudia Faniello, Sarah Bonnici u Owen Luellen, filwaqt li matul il-lejla se jkun hemm ukoll Pyro Musical Show li jgħaqqad il-mużika ma’ spettaklu pirotekniku sinkronizzat.

Il-pjazza se tkun imżejna wkoll bi 3D Visual Mapping fuq erba’ screens, bi projezzjonijiet u visuals maħsuba biex joħolqu esperjenza differenti għall-pubbliku preżenti. L-għada, il-Ħamis 13 ta’ Awwissu, iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu b’400 Years Together – Our Parish… Our Party, serata ddedikata b’mod partikolari għall-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

Wara l-marċ il-kbir tal-aħħar Tridu, fil-pjazza se jkun hemm mistiedna speċjali mir-Renju Unit, Marcela Woods, b’live PA flimkien ma’ JJoy. Is-serata se tinkludi wkoll 3D visuals, lasers, dwal u diversi effetti speċjali. Permezz ta’ dawn iż-żewġ avvenimenti, l-organizzaturi jixtiequ jgħaqqdu t-tradizzjoni tal-festa ma’ elementi moderni ta’ spettaklu, filwaqt li jiċċelebraw l-għaqda u s-sens ta’ appartenenza fost il-komunità Għaxqija.

Żewġ iljieli differenti li mistennija jimlew il-qalba ta’ Ħal Għaxaq bil-mużika, kuluri u atmosfera mill-isbaħ waqt waħda mill-aktar ġimgħat mistennija tas-sena għar-raħal.

Ritratti:

Facebook / Festa Santa Marija Għaxaq

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI