Jieħu L-Ħajja Mill-Ġdid It-Taraġ Storiku Li L-Pellegrini Kienu Jitilgħu Biex Iqimu Lil San Pawl Fir-Rabat

Ix-xogħol fuq is-Sacro Monte fir-Rabat jinsab għaddej ġmielu, bil-Kunsill Lokali tar-Rabat jaqsam aktar dettalji dwar wieħed mill-elementi li qed jinbena mill-ġdid fi Triq San Pawl. Fl-aħħar jiem, diversi persuni staqsew dwar it-taraġ li qed jidher qed jinbena faċċata tal-Każin tal-Labour. Il-Kunsill spjega li dan mhuwiex element ġdid, iżda rikostruzzjoni tat-taraġ oriġinali li għandu rabta mal-istorja reliġjuża tar-Rabat.

"Dak hu t-taraġ oriġinali li qabel, fl-antik, il-pellegrini kienu jitilgħu biex iqimu l-istatwa ta’ San Pawl," spjega l-Kunsill Lokali. Ix-xogħol ta’ restawr qed isir minn AX Holdings u huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u bil-parteċipazzjoni diretta tal-Arċipriet Kanonku Dun Joe Mizzi.

Il-proġett mistenni jagħti dehra mġedda lil din il-parti storika tar-Rabat, b’mod partikolari lil Triq San Pawl u ż-żona ta’ quddiem il-Bażilika. "Araw x’dehra ħa tieħu Triq San Pawl u quddiem il-Bażilika," temm jgħid il-Kunsill hekk kif qasam ħarsa lejn ix-xogħol li jinsab għaddej.

Proġett li mhux biss se jsebbaħ din iż-żona tant prominenti tar-Rabat, iżda se jerġa’ jagħti l-ħajja lil element li jfakkar fit-tradizzjoni tal-pellegrinaġġ u fid-devozzjoni lejn San Pawl.

Ritratti:

Facebook / Kunsill Lokali Rabat

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI