Francesca Scerri Rizzo sellmet il-memorja tal-ħabiba għażiża tagħha Nirvana, f’jum li fih kienet tkun qed tiċċelebra għeluq it-53 sena tagħha. F’messaġġ mill-qalb, Francesca qasmet għadd ta’ ritratti li jfakkru mumenti differenti mill-ħbiberija tagħhom matul is-snin. Memorji li, minkejja n-niket tat-telfa, għadhom iqajmulha tbissima.
"Ħabiba sabiħa tiegħi. Illum kont tagħlaq 53 sena! Kemm jgħaddi ż-żmien…", kitbet Francesca, hekk kif kompliet tirrakkonta l-istejjer wara wħud mir-ritratti li għażlet li taqsam.
Fl-ewwel ritratt, it-tnejn kellhom biss 17-il sena. Francesca fakkret kif kienu jqattgħu sigħat jitkellmu dwar il-ħolm tagħhom għall-futur, dwar dawk li kienu jogħġbuhom u saħansitra jitkellmu bejniethom b’dik li sejħet “il-lingwa tal-qtates”.
Ritratt ieħor jeħodhom għall-ġurnata tat-tieġ ta’ Francesca, fejn Nirvana kienet qrat versi ta’ Khalil Gibran. Memorja oħra kienet minn intervista li matulha, skont Francesca, it-tnejn ma setgħux jieqfu jidħku. L-aħħar ritratt li qasmet kien wieħed mill-aħħar li ħadu flimkien, waqt il-festin ta’ għeluq snin Noah f’razzett.
"Dejjem kont tagħmel ċert li tħalli l-isbaħ memorji… u hekk għamilt! Inġorrok f’qalbi," kitbet Francesca fi tmiem it-tislima emozzjonanti tagħha. Hija temmet b’messaġġ ħelu lil Nirvana: “Żifna u ċċelebra mal-anġli… kompli żommhom ferħanin.”
Kliem li jixhed ħbiberija li ż-żmien u t-telfa ma rnexxielhomx iħassru, u memorji li Francesca se tibqa’ ġġorr magħha f’qalbha.
Facebook / Francesca Scerri Rizzo