Bil-Filmat: “Xi Kultant Lanqas Temmen X’Tista’ Ssib” – Ludwig Galea Jsib Teżor Marbut Ma’ Ġensna

Is-suq tal-Birgu wassal għal sejba tassew speċjali għall-kantant Ludwig Galea, li rnexxielu jsib biċċa memorabilja marbuta mar-rock opera klassika Maltija Ġensna.

Ludwig qasam is-sejba tiegħu fuq il-mezzi soċjali wara li l-Ħadd żar il-monti tal-Birgu. Għal prezz ta’ €8 biss, sab oġġetti li għal min iħobb il-mużika u l-kultura Maltija għandhom valur ferm akbar minn dak monetarju.

"Sibt teżor żgħir, €8 kollox, hekk kif ilbieraħ dort dawra mal-monti tal-Birgu. Xi kultant lanqas temmen x’tista’ ssib u x’jitwarrab," kiteb Ludwig. Fost dak li sab kien hemm ukoll librett marbut ma’ Ġensna, u Ludwig staqsa lis-segwaċi tiegħu jekk dan kienx jingħata max-xiri tal-LP jew inkella waqt ir-rappreżentazzjonijiet tax-xogħol.

Ġensna tibqa’ meqjusa bħala waħda mill-produzzjonijiet mużikali klassiċi Maltin, u għalhekk materjal oriġinali marbut magħha llum għandu tifsira speċjali għal dawk li japprezzaw l-istorja tal-mużika lokali. Sejba żgħira bi prezz ta’ €8, iżda teżor mill-isbaħ li jġorr miegħu biċċa mill-istorja kulturali ta’ pajjiżna!

Ritratti:

Facebook / Ludwig Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI