Il-Banda Beland Taż-Żejtun Se Ddoqq F’Celano U Assisi Fil-Ħames Safra Internazzjonali Tagħha

Il-Banda Beland taż-Żejtun tinsab lesta għall-ħames safra internazzjonali tagħha, hekk kif bejn il-25 u d-29 ta’ Awwissu se tivvjaġġa lejn Celano, fir-reġjun tal-Abruzzo fl-Italja. Din is-safra se tgħaqqad il-mużika, il-kultura u r-rabtiet ta’ ħbiberija li nbnew matul is-snin bejn iż-Żejtun u Celano. Ir-rabta bejn iż-żewġ komunitajiet għandha għeruq storiċi li jmorru lura sekli, filwaqt li fl-2006 iż-żewġ lokalitajiet ġew uffiċjalment ġemellati.

Minn dakinhar, din il-ħbiberija kompliet tikber permezz ta’ diversi skambji kulturali u mużikali. Din is-sena, proprju fl-20 anniversarju minn dan il-ġemellaġġ, il-Banda Beland se tkompli ssaħħaħ din ir-rabta permezz tal-mużika. Matul iż-żjara tagħha, il-banda se tieħu sehem fil-festa tat-Tre Santi f’Celano, fejn mistennija tagħti diversi servizzi mużikali kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija.

Mument ieħor speċjali matul din is-safra se jkun iż-żjara f’Assisi. Hemmhekk, il-Banda Beland se jkollha l-opportunità ddoqq quddiem il-Bażilika ta’ San Franġisk fl-okkażjoni tat-800 anniversarju mill-mewt tiegħu. Din se tkun il-ħames darba li l-Banda Beland se twassal il-mużika tagħha barra minn xtutna, wara safriet preċedenti fil-Ġermanja, fir-Russja, f’Como u f’Ruma, fil-Vatikan.

Mal-Banda Beland se tivvjaġġa wkoll rappreżentanza miż-Żejtun, fosthom l-Arċipriet, is-Sindku u kunsilliera tal-Kunsill Lokali. Bla dubju, din mistennija tkun esperjenza memorabbli għall-membri tal-banda u opportunità oħra biex it-talent mużikali Malti jkompli jinstema’ lil hinn minn xtutna.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI