Dawk kollha li jħobbu l-qtates għandhom aħbar sabiħa x’jistennew f’Bormla! Fil-lokalità mistenni jiġi żviluppat Cat Café ġdid, proġett li se jgħaqqad flimkien spazju għall-komunità ma’ ambjent adattat għall-qtates li jgħixu fiż-żona. Dan sar possibbli wara ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla, li permezz tiegħu proprjetà pubblika fi Triq it-Tlett Ibliet se tingħata lill-Kunsill Lokali għal perjodu ta’ ħames snin.
L-ispazju jkopri madwar 1,571 metru kwadru u se jingħata ħajja ġdida permezz tal-Cat Café. L-għan huwa li jinħoloq post li minnu jkunu jistgħu jgawdu r-residenti, filwaqt li fl-istess ħin ikun ta’ benefiċċju għall-qtates li jgħixu fit-toroq u għal dawk li jieħdu ħsiebhom.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici spjega li inizjattivi bħal din juru kif proprjetà pubblika tista’ tintuża biex twieġeb direttament għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-kunsilli lokali jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex iwettqu proġetti li jagħmlu differenza fil-lokalitajiet tagħhom.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli wkoll enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali biex spazji pubbliċi jingħataw użu ġdid u jsiru aktar utli għar-residenti. Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius qal li l-proġett se jkun qed jgħaqqad żewġ aspetti importanti. “Il-Cat Cafe se jkun proġett li jgħaqqad l-imħabba lejn l-annimali mal-ħtieġa għal spazji aktar komunitarji u aċċessibbli,” qal.
Il-proġett għalhekk mhux biss se joħloq spazju ġdid f’Bormla, iżda għandu wkoll l-għan li jagħti aktar attenzjoni lill-ħarsien tal-qtates li jgħixu fiż-żona u lil dawk li ta’ kuljum jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jieħdu ħsiebhom.