Il-ħolma li żagħżugħ jew żagħżugħa Maltija tirrappreżenta lil Malta fuq palk internazzjonali tista’ ssir realtà, hekk kif infetħu l-applikazzjonijiet għal Sanremo Junior Malta 2026.
Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kantanti żgħażagħ bejn is-6 u l-15-il sena, li se jkollhom l-opportunità jitilgħu fuq il-palk quddiem udjenza u ġurija, bil-għan li jirbħu ċ-ċans li jirrappreżentaw lil Malta fil-finali mondjali ta’ Sanremo Junior fl-Italja.
Ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa ta’ Malta jkollu l-unur li jinterpreta fuq il-palk prestiġjuż tal-Ariston Theatre f’Sanremo, akkumpanjat minn orkestra grandjuża ta’ 32 mużiċist.
FM Theatre Productions qed jistiednu lit-tfal kollha li għandhom talent fil-kant biex jagħmlu l-pass li jmiss u jippruvaw jiksbu din l-opportunità unika.
L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru sal-15 ta’ Ottubru, u dawk interessati jistgħu japplikaw permezz tas-sit uffiċjali sanremojuniormalta.com.
Facebook/FM Theatre Productions