Maria u Leli qed jiċċelebraw mument sabiħ fil-ħajja tagħhom, hekk kif għalqu 50 sena miżżewġin. F’din l-okkażjoni speċjali, il-koppja għażlet li tagħmel ġest ta’ ġenerożità b’tifsira kbira. Minflok ma jirċievu rigali għall-anniversarju tagħhom, Maria u Leli talbu lill-familjari u lill-ħbieb tagħhom biex jagħtu donazzjoni b’risq Puttinu Cares.
Din l-inizjattiva sabet rispons mill-isbaħ hekk kif, bis-saħħa tal-ġenerożità tagħhom u ta’ dawk kollha li kkontribwixxew, inġabret is-somma sabiħa ta’ €1,825. Puttinu Cares, li tiddependi ħafna fuq id-donazzjonijiet tal-pubbliku u tal-benefatturi tagħha, tuża dawn il-fondi biex tkompli toffri l-appoġġ lill-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli minħabba mard serju.
F’mument li normalment ikun wieħed ta’ ċelebrazzjoni personali, Maria u Leli għażlu li jaqsmu l-ferħ tagħhom ma’ oħrajn u jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ familji li jkunu jeħtieġu l-għajnuna. Puttinu Cares irringrazzjat lil Maria u Leli għal din id-donazzjoni sabiħa, filwaqt li awguralhom ħafna aktar snin ta’ mħabba, saħħa u kuntentizza flimkien.
Facebook/Puttinu Cares