“Għaddew 32 Sena, Imma Għalija Għadu Qisu Lbieraħ” – Christian Attard B’Messaġġ Iddedikat Lil Ommu, Hekk Kif Għada Tagħlaq 32 Sena Mejta

Il-Kunsillier taż-Żejtun, Christian Attard, qasam messaġġ emozzjonanti ta’ tifkira lil ommu, hekk kif illum għaddew 32 sena minn meta tilifha.

Attard irrakkonta kif propju bħal-lum, 32 sena ilu, għannaq lil ommu, taha l-aħħar bewsa u raha għall-aħħar darba. Huwa fakkar li fil-21 ta’ Awwissu, fl-ewwel sagħtejn tal-ġurnata, hija ħallietu, iżda minkejja l-mogħdija tas-snin, għalih kollox għadu qisu ġara lbieraħ.

F’messaġġ mimli mħabba u nostalġija, huwa qal, li għadu jħoss l-istess weġgħa f’qalbu u xtaq li seta’ jerġa’ jgħannaqha, ikellimha, jisma’ leħinha u jħossha qrib tiegħu. “Nimmissjak wisq, Ma’,” kiteb Attard, filwaqt li żvela li għadu joħlom biha spiss u li jibkiha kważi kuljum. Huwa saħaq, li l-imħabba tiegħu lejha ma naqset qatt, anzi jħoss li llum iħobbha aktar minn qatt qabel.

B'ton ta' tama, esprima t-twemmin li għad jasal il-jum meta jerġa’ jiltaqa’ magħha u jkun jista’ jħoss mill-ġdid dik l-imħabba li ilu nieqes minnha għal dawn it-32 sena. “Qatt, qatt ma nsejtek u qatt mhu se ninsiek. L-imħabba tiegħi lejk ma tmut qatt,” kiteb.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Attard sellem lil ommu bi kliem mill-aktar personali, u qalilha biex tistrieħ fil-paċi. Huwa fakkar ukoll, li jibqa’ “l-fessud, it-tifel iż-żgħir tiegħek”, filwaqt li ddikjara l-imħabba eterna tiegħu lejha.

Ritratti:

Facebook/Christian Attard

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI