Illum, 5 ta’ Settembru, infakkru l-Jum Internazzjonali tal-Karità, ġurnata li tfakkarna li l-ġenerożità mhijiex biss kwistjoni ta’ dak li nagħtu, iżda wkoll ta’ kemm jimpurtana minn dawk li għandhom bżonn vuċi.
F’dan il-jum, l-MSPCA qasmet messaġġ b’saħħtu dwar il-karità u s-soċjetà li rridu nibnu. Il-karità, kif enfasizzat, m’għandhiex tkun sempliċement għotja, iżda att ta’ kompassjoni li jwassal għal soċjetà aktar umana u ġusta.
Il-messaġġ tagħha jestendi wkoll għall-annimali, li ħafna drabi ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom. Kif nittrattaw lil dawk vulnerabbli, inkluż lill-annimali, jgħid ħafna dwar il-valuri tagħna li nħaddnu bħala soċjetà.
Forsi l-karità tibda b’ġest żgħir, iżda l-effett tagħha hu ferm akbar għax kif jgħid il-Malti: Bil-qatra il-qatra, timtela l-ġarra. Xi kultant tkun donazzjoni, xi drabi oħra tkun kelma tajba, ħin li nagħtu lil ħaddieħor jew sempliċement li ma nibqgħux siekta quddiem it-tbatija.
Bħalma nafu, is-soċjetà aħjar tinbena meta l-kompassjoni tkun akkumpanjata mill-kuraġġ li nagħmlu d-differenza!
Facebook/MSPCA